Media

Ċerimonja ta’ Preżentazzjoni lill-Benefatturi ta’ l-Istrina 2017

Illum, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, il-President ta’ Malta, laqgħet individwi, familji, u rappreżentanti minn entitajiet kummerċjali, li fl-Istrina li għaddiet taw pledge ta’ aktar minn €500. Dawn ġew ippreżentati b’medalji kommemorattivi flimkien ma’ plakek personalizzati li ser jitwaħlu mas-siġar f’wieħed mill-Ġonna tas-Solidarjeta’, li l-Malta Community Chest Fund Foundation, flimkien mal-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Qormi u tas-Siġġiewi bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, żviluppaw f’dawn il-lokalitajiet.

B’din l-inizjattiva, l-Malta Community Chest Fund Foundation u l-Kunsilli Lokali qed jagħtu s-sehem tagħhom lejn l-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-Miri għall-Iżvilupp Sonstenibbli, partikolarment il-Mira Numru 15, li titratta dwar il-protezzjoni ta’ l-użu sostenibbli tal-ekosistemi u l-immaniġjar sonstenibbli tal-foresti.

Il-President Coleiro Preca irringrazzjat lil dawk kollha li taw id-donazzjoni tagħhom fl-Istrina tas-sena l-oħra, biex il-Malta Community Chest Fund Foundation tkun tista’ tkompli bil-missjoni tagħha li tgħin lil ħutna Maltin u Għawdxin fil-bżonn.