Media

Il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2018

Kif inhi t-tradizzjoni, fl-ewwel Sibt tax-xahar ta’ Awwissu, il-Palazz Verdala jipprovdi l-isfond ideali għall-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu, b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.

Dan il-Ballu jaf il-bidu tiegħu aktar minn 60 sena ilu, meta’ fi żmien il-Gvernatur Laycock, kien ukoll isir bħala attivita’ ta’ ġbir ta’ fondi.

Waqt li kien qiegħed jintroduċi s-serata, Marchesino Daniel de Petri Testaferrata, Chairman tal-Kumitat Organizzattiv, f’ismu u f’isem il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, rringrazzja lil dawk kollha preżenti tas-sostenn tagħhom sena wara oħra, filwaqt li rrimarka li ma’ dawk li attendew din is-sena kien hemm ukoll persuni li ġew apposta mill-Ingilterra, minn Dubai u saħansitra mill-Awstralja.

Huwa irringrazzja wkoll lill-membri tal-kumitat għall-ħidma u għad-dedikazzjoni tagħhom, u kif ukoll lill-isponsors li mingħajr l-għajnuna tagħhom, din l-attivita’ ma’ kinetx tkun possibbli.

Dawk li attendew setgħu jgawdu l-atmosfera maġika li kapaċi joffri l-Palazz tal-Verdala u l-ġonna tal-madwar, b’ikel mill-aqwa, u b’mużika mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, mill-Banda tal-Pulizija, u mill-Brass House Unit.