Media

Il-Malta Community Chest Fund Foundation tqassam b’total ta’ €7.7miljun, fis-sena 2017, f’għajnuna lil aktar minn 11,000-il persuna.

Il-Fondazzjoni, fl-2017, qassmet €7.7miljun, li hija żieda ta’ 61% fuq is-sena ta’ qabel. Il-Maltin u l-Għawdxin komplew jkunu ġenerużi matul is-sena 2017, meta nġabru €500,000 aktar mis-sena 2016. B’dawn il-kontribuzzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin, il-Malta Community Chest Fund Foundation, għenet lil aktar minn 11,000 ruħ. Il-Fondazzjoni kompliet tnaqqas l-ispiża relatata mal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi b’€24,000” qalet il-President ta’ Malta, E.T. Marie-Louise Coleiro Preca.

Il-President qalet ukoll: “Nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi lejn ħuti Maltin u Għawdxin għall-ġenerożita’ kbira tagħhom, iżda jeħtieġ li nkomplu naħdmu aktar sabiex inlaħħqu mal-bżonnijiet tal-lum.”

“Is-solidarjeta’ hija parti essenzjali mill-fibra tagħna bħala nazzjon, u jiena konvinta li lkoll flimkien, ser jirnexxielna negħlbu l-isfidi li għandna quddiemna, biex il-Malta Community Chest Fund Foundation tkun tista’ tkompli taqdi il-missjoni essenzjali tagħha, li tgħin lil dawk kollha li jirrikorru għall-għajnuna,” żiedet il-President.

Il-Malta Community Chest Fund Foundation żiedet l-assistenza finanzjarja lil persuni b’diżabilita’ u pazjenti li kellhom bżonn ta’ kura speċjaliazzata, b’aktar minn nofs, skond figuri ppubblikati fir-Rapport Annwali għas-sena 2017.

L-Assistenza Medika lill-Maltin u l-Għawdxin żdiedet għal €4.4miljuni (2017) minn €2.4miljuni (2016), filwaqt li il-Unit għall-Assistenza lil Persuni b’Diżabilita’, qassam €560,000 fl-2017, ikkumparat mal-€275,000 fl-2016.

Waqt it-tielet Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Community Chest Fund Foundation, li saret fil-Palazz ta’ Sant’ Anton illum, kien irrappurtat li l-assistenza għal kimoterapita speċjalizzata u għall-mediċini għal mard kroniku sever, flimkien mal-assistenza li tingħata lill-pazjenti li jkollhom bżonn kura barra minn Malta u lill-familjari tagħhom, kienet ta’ €5.7miljuni, żieda ta’ 63% fuq is-sena ta’ qabel, filwaqt li individwi u istituzzjonijiet oħra irċevew €2 miljuni f’għajnuna, żieda ta’ 55% meta kkumparata mal-2016.

Waqt il-preżentazzjoni tar-rapport amministrattiv, iċ-Ċermen tal-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund Foundation, is-Sur John Camilleri qal li l-Unit tal-Assistenza Medika approva madwar 1,000 applikazzjoni, li fil-maġġor parti tagħhom kienu għal 32 tip differenti ta’ kimoterapija speċjalizzata, kif ukoll 600 applikazzjoni għal Assistenza li tingħata lill-pazjenti li jkollhom bżonn kura barra minn Malta u lill-familjari tagħhom, li jinkludu 264-il biljett tal-ajru u 1,500 lejl ta’ akkomodazzjoni. Dan il-unit qassam ukoll 200 parrokka, li huma magħmula minn xagħar naturali, li jingħata mill-Maltin u l-Għawdxin, inkluż it-tfal.

Is-Sur Camilleri qal li l-Unit għall-Assistenza Soċjali għen 2,300 familja li jirriflettu aktar minn 9,000 individwu; filwaqt li l-Unit għall-Assistenza lil Persuni b’Diżabilita’, approva madwar 300 applikazzjoni.

Iċ-Chief Financial Officer tal-Malta Community Chest Fund Foundation, is-Sur Mark Mizzi ta spjegazzjoni dettaljata tar-Rapport Finanzjarju 2017, bil-punt ewlieni jkun il-fatt li, fl-2017, il-Malta Community Chest Fund Foundation qassmet 61% aktar fondi, filwaqt li tnaqqset l-ispiża relatata ma’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi.

Is-Sur Claude Ellul, Direttur fi ħdan KPMG Malta, qara ir-rapport ta’ l-Awdituri għas-sena li spiċċat 31 ta’ Diċembru 2017.

Iċ-Ċermen tal-Unit tal-Finanzi tal-Malta Community Chest Fund Foundation, is-Sur John Huber, ta analiżi tar-Riżultati Finanzjarji, għas-sena 2017.

Kopji tar-Rapport Annwali, li jinkludi wkoll Statement of Assets and Liabilities, and Statement of Income and Expenditure, awditjat minn KPMG, jistgħu jinġabru mill-uffiċini tal-Malta Community Chest Fund Foundation, fil-Palazz, il-Belt Valletta, mill-Palazz ta’ Sant’ Anton jew jistgħu jitniżżlu online minn fuq www.mccff.org.mt

 

Aktar Informazzjoni

Tel: +356 2205 3219

E: [email protected]