Media

Jitħawlu aktar minn 1,200 siġra fil-Ġonna tas-Solidarjeta’

Ilbieraħ, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Jose’ Herrera żaru il-widien li fihom infetħu il-Ġonna tas-Solidarjeta’. Din hija inizjattiva tal-Malta Community Chest Fund Foundation bil-kollaborazzjoni tal-PARKS (The Directorate for Parks, Afforestation and Countryside Restoration), u l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima.

F’dawn il-Ġonna, tħawlu aktar minn 1,200-il siġra indiġena Maltija. Is-siġar huma kollha personalizzati permezz ta’ plakka li hija abbinata ma’ dawk il-benefatturi li, fl-Istrina 2017 offrew pledge ta’ aktar minn €500. Dan ivarjaw minn individwi, familji, għaqdiet u anke kumpaniji.
Dawn l-imsaġar tas-Solidarjeta’ huma maħsuba biex jagħtu ħajr lil benefatturi tal-Malta Community Chest Fund Foundation, iżda fuq kollox, biex jikkontribwixxu lejn is-saħħa tal-membri tal-kommunatijiet tagħna għax tiżdied l-arja nadifa.

Barra minn hekk, b’din l-inizjattiva, l-Malta Community Chest Fund Foundation u l-Kunsilli Lokali qed jagħtu s-sehem tagħhom lejn l-Agenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-Miri għall-Iżvilupp Sonstenibbli, partikolarment il-Mira Numru 15, li titratta dwar il-protezzjoni ta’ l-użu sostenibbli tal-ekosistemi u l-immaniġjar sonstenibbli tal-foresti.
Il-President tenniet li dawn il-Ġonna huma ċelebrazzjoni tal-valur sabiħ tas-Solidarjeta’, bi skop ukoll li jkabbru l-għarfien b’risq is-sostenibilita’ ta’ l-ambjent tagħna u saħħitna.
Il-Ministru Jose’ Herrera sostna li din hija inizjattiva fejn numru kbir ta’ siġar indiġeni ġew imħawwla f’żoni li kienu dilapidati u hija parti mill-ħidma bla waqfien sabiex nirijabilitaw il-widien tagħna. Il-Ministru spjega li f’sena li taskforce ġie appuntat sabiex jieħu ħsieb il-valley management diġa ġew mnaddfa u rrijabilitati għaxar widien. Il-Ministru Herrera rringrazzja lill-President ta’ Malta għal kooperazzjoni tant mill-viċin mal-Ministeru tal-Ambjent.
Il-Ġonna tas-Solidarjeta’ jinsabu ġewwa Wied Ħesri, fis-Siġġiewi, f’Wied il-Kbir, f’Wied is-Sewda u f’Wied iċ-Ċawsli, ġewwa Ħal Qormi. Jakkumpanjaw lill-President u lill-Ministru Herrera kien hemm is-Sindki tas-Siġġiewi u ta’ Ħal Qormi, Is-Sinjura Alessia Psaila Zammit, u s-Sur Jesmond Aquilina rispettivament, flimkien ma’ rappreżentanti oħrajn mill-Kunsilli Lokali.