Media

Jitnieda l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2018

Dalgħodu, ġiet mnedija l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu 2018, li din is-sena ser issir nhar is-Sibt 4 ta’ Awwissu, fil-Palazz Verdala, u li bħal kull sena, ser isir b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.

Ic-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv, Marchesino Daniel de Petri Testaferrata, qal li kif inhi t-tradizzjoni, dan il-ballu ser jsir fl-ewwel Sibt ta’ Awwissu. Huwa irringrazzja lill-isponsors ta’ din l-attivita’ li sena wara oħra joffru s-sostenn tagħhom, filwaqt li rringrazzja wkoll lill-Forzi Armati ta’ Malta u lill-Pulizija għall-kontribut tagħhom, permezz tal-baned rispettivi tagħhom. Huwa ħabbar li l-biljetti għal dan il-ballu, b’kontribuzzjoni ta’ €80, jinsabu għall-bejgħ mill-lum, mill-Malta Community Chest Fund Foundation, il-Belt Valletta; mill-Palazz ta’ Sant’ Anton, jew mis-sit www.augustmoonball.com.

Ic-Chairman tal-Kumitat irringrazzja wkoll lill-Brass House Unit li ser jallegraw lil dawk preżenti dakinhar tal-Ballu.

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, minn naħa tagħha, irringrazzjat lill-membri tal-kumitat organizzattiv għad-dedikazzjoni tagħhom, filwaqt li ngħaqdet mar-ringrazzjament taċ-Chairman tal-Kumitat lill-isponsors u lill-Forzi Armati ta’ Malta u lill-Pulizija. Il-President qalet li dan il-Ballu joffri opportunita’ oħra biex in-nies jiltaqgħu u jikkultivaw ħbiberiji u konnessjonijiet ġodda. Fl-aħħarnett, il-President Coleiro Preca, irringrazzjat bil-quddiem li dawk li ser jattendu għal din l-attivita’ talli bil-preżenza tagħhom huma ser jkunu qed jgħinu lil ħutna Maltin u Għawdxin fil-bżonn.