Media

The National Food Drive – inizjattiva ta’ Green Skip Services Ltd flimkien mal-Malta Community Chest Fund Foundation

Dalgħodu, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ppresediet it-tnedija ta’ The National Food Drive, inizjattiva konġunta bejn Green Skip Services Ltd u l-Malta Community Chest Fund Foundation bil-kollaborazzjoni ta’ għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, ser jitpoġġew Food Donation Boxes fis-supermarkets ewlenin f’Malta u fihom in-nies ser tkun tista’ tagħti b’donazzjoni, ikel (fil-forma ta’ bottijiet u ikel non-perishable ieħor) biex dan ikun jista’ jitqassam lil għadd ta’ għaqdiet li jqassmu dan l-ikel fost dawk li jkollhom bżonn.

Is-Sinjura Mary Gaerty, Direttur ta’ Green Skip Services Ltd, irringrazzjat lill-President għad-disponibbilta’ tagħha, biex l-idea li l-Green Skips Group kellhom is-sena li għaddiet, fejn, fil-25 Anniversarju mit-twaqqif tagħhom xtaqu li jaħdmu fuq inizjattivi biex jagħtu xi ħaġa lura lill-komunita՝, bħala parti mill-Corporate Social Responsibility, tkun tista’ tiġi żviluppata f’The National Food Drive.

Minn naħa tagħha, il-President Coleiro Preca faħħret dan is-sens ta’ CSR li Green Skips Services Ltd għandhom u li qed juruh permezz ta’ The National Food Drive. Il-President spjegat ukoll li dan il-proġett huwa frott ta’ sinerġija bejn il-Green Skips Group u l-Malta Community Chest Fund Foundation, flimkien ma’ għadd ta’ għaqdiet u organizzazjonijiet mhux governattivi, flimkien mas-supermarkets ewlenin f’Malta, u li dan il-proġett ser jingħaqad ma’ xogħol li l-Malta Community Chest Fund Foundation diġa՝ tagħmel f’dan ir-rigward f’pajjiżna.

Għal bidu ta’ din l-inizjattiva, ser ikun hemm sittax-il food donation box fis-supermarkets ewlenin, iżda l-pjan huwa li jkun hemm aktar kaxxi, f’aktarsupermarkets. Il-President inkoraġġiet lil aktar supermarkets biex jersqu ‘l quddiem sabiex huma wkoll joffru l-għajnuna tagħhom, filwaqt li appellat biex jekk hemm xi għaqdiet oħrajn li jixtiequ jkunu parti minn din l-inizzjattiva dawn jagħmlu kuntatt mal-Malta Community Chest Fund Foundation.

Il-President Coleiro Preca qalet ukoll li tħossha kburija b’din l-inizjattiva, mhux biss għax qed iġġib għadd ta’ għaqdiet flimkien, iżda wkoll minħabba l-fatt li “qiegħdin ningħaqdu mal-pajjiżi tad-dinja kollha li qed joħolqu inizjattivi biex jindirizzaw l-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħha.”

Il-President qalet li fil-qalba tas-sbatax-il mira hemm il-kwistjoni tal-vulnerabbilta’ u l-faqar, u l-kwistjoni tal-ġustizzja fl-ikel, “għaliex ħadd ma jixraqlu li jkun bil-ġuħ, u l-ġustizzja fl-ikel huwa dritt uman.”

 

Il-Food Donation Boxes ser jkunu ġewwa Smart Supermarket, PAVI, PAMA, LiDL Malta, Gala, Chain Supermarket Fgura, Carters Supermarket, Valyou Mellieħa, Valyou Naxxar, Scotts Supermarkets, Park Towers City, Park Towers Gourmet, Tower Supermarket u Greens Supermarket.

 

Din l-inizzjattiva qed issir bil-kollaborazzjoni mal-Foodbank Foundation,The Millenium Chapel, St Jeanne Antide Foundation, Little Sisters of the Poor, is-Sorijiet ta’ l-Ursolini, SOS Malta, u Caritas Malta, fost ħafna oħrajn.