Media

Nofs miljun ewro lill-Għaqdiet mhux governattivi sabiex dawn jkomplu b’ħidma sfieqa, ħidma importanti, ħidma li twassal biex jkomplu jagħmlu id-differenza fis-soċjeta’ Maltija.

Dalgħodu, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, saret ċerimonja ta’ iffirmar ta’ kuntratti bejn il-Malta Community Chest Fund Foundation u 18-il Għaqda Mhux Governattiva li ser jibbenefikaw minn fondi b’risq proġetti soċjali, mill-Fond għall-Għaqdiet Volontarji.

L-għaqdiet li bbenefikaw huma:

 

  • Platform for Human Rights Organisations of Malta
  • Hospice Malta
  • JRS
  • SOS Malta
  • CORE Platform
  • St John Rescue Corps
  • St Jeanne Antide Foundation
  • Richmond Foundation
  • Intelligent Transport Systems
  • Dar Ġużeppa Debono
  • Youtheme Foundation
  • Cross Culture International
  • Eden and Razett Foundation
  • Fondazzjoni Wens u Għaqda Żgħażagħ b’Diżabilita’
  • Friends of Thouret
  • Malta Red Cross Society
  • Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl
  • Equal Partners Foundation

Il-Professur Carmel Borg, Chairman tal-Kumitat tal-Fond għall-Għaqdiet Volontarji spjega kif, mal-iffirmar tal-kuntratt, l-għaqdiet li intgħażlu kienu ser jiġu ippreżentati b’40% tas-somma globalment allokata għal dak il-proġett partikolari. Imbagħad, 35% tas-somma allokata tingħata wara li l-Bord jevalwa u japprova rapport interim li jrid jiġi ippreżentat fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru 2018, u 25% tas-somma tingħata wara li l-bord jevalwa u japprova rapport finali li jrid jiġi ppreżentat fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju 2019.

Waqt li indirizzat lil dawk preżenti, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta raddet ħajr lill-kumitat tal-Fond għall-Għaqdiet Volontarji fi ħdan il-Malta Community Chest Fund Foundation tax-xogħol kbir li jagħmlu, matul il-proċess tal-applikazzjoni u sussegwentement, matul il-proċess tal-għażla u anke tal-appell, liema proċess huwa trasparenti, kontabbli u nadif.

“Illum, tmintax-il organizzazzjoni mhux governattiva, ngħataw fondi b’risq proġetti soċjali varji, li tnejn minnhom ġew eliġibbli, wara li appellaw id-deċiżjoni inizzjali. Ninsab kburija li permezz tal-fondi li ġew mqassma llum ser nkunu qed ngħinu tmintax-il proġett soċjali ieħor f’diversi oqsma: drittijiet umani, saħħa mentali, żgħażagħ, diżabilita’, learning difficulties, servizzi ta’ salvataġġ u l-ewwel għajnuna, faqar u esklużjoni soċjali,” stqarret il-President.

Il-President awgurat lil kull organizzazzjoni “ħidma sfieqa, ħidma importanti, ħidma li twassal biex nagħmlu d-differenza fis-soċjeta’ Maltija.”