Rockestra

Wieħed mill-avvinamenti annwali fil-kalendarju tal-Malta Community Chest Fund Foundation huwa bla dubju Rockestra.  Issa fid-disa’ sena konsekuttiva, Rockestra, għal darb’oħra ser jwassal mużika mill-aqwa u bi skop nobbli ta’solidarjeta’.

Taħt il-bakketta tal-Maestro Sigmund Mifsud flimkien ma’ l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, bid-direzzjoni artistika ta’ Pawlu Borg Bonaci, Rockestra din is-sena ser tkun qed toffri spettakklu memorabbli.  Din is-sena, inħareġ survey pubbliku, fejn it-tim ta’ Rockestra saqsa lill-pubbliku x’qed jistenna minn din l-edizzjoni.

B’rikjesta tal-maġġorranza assoluta, Rockestra din is-sena ser tkun 100%Rock b’siltiet minn gruppi leġġendarji bħal Metallica, Guns & Roses, Kiss, Led Zeppelin u Black Sabbath.  Dawn is-siltiet ser jkunu qed jitwasslu lilkom minn kantanti stabbiliti iżda anke minn uċuh ġodda li ser jingħataw opportunita’ li jkunu preżenti għall-wieħed mill-akbar avvenimenti mużikali ta’ kull sena.

Il-maġija li twassal lil Rockestra tkun esperjenza unika ġejja wkoll mill-altruwiżmu ta’ bosta artisti stabbiliti li jaċċettaw li bit-talent tagħhom, il-Malta Community Chest Fund Foundation tkun tista’ tiġbor aktar fondi.

Fost diversi sorpriżi nistgħu niżvelaw li l-grupp poplari The Characters ser ikun qed jerġa jingħaqad għal-lejla waħda biss, propju għal Rockestra ta’ din is-sena.  Jirritorna wkoll f’Rockestra l-ikona tar-Rock fuq livell internazzjonali, Marc Storace.  Dan żġur jawgura atmosfera u mużika 100%Rock!

Inħeġġukom sabiex tingħaqdu magħna fit-30 ta’ Settembru, fl-MFCC, Ta’ Qali.  Biljetti minn www.mccf.store