Il-President George Vella jinawgura id-disa’ edizzjoni tal-inizjattiva ‘Nirriċikla għall-Istrina’

Il-President ta’ Malta nieda id-disa’ edizzjoni tal-inizjattiva ‘Nirriċikla għall-Istrina’, f’konferenza stampa li rat is-sehem tal-Ministru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima Josè Herra u l-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak l-Inġinier Mario Schembri.

Din l-inizjattiva qed issir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima għax ‘Nirriċikla għall-Istrina’ tinkwadra sew fil-messaġġ kontinwu u l-kuxjenza li qed titqajjem dwar il-ħarsien ambjentali u l-ħtieġa ta’ riċiklaġġ.

Permezz ta’ ‘Nirriċikla għall-Istrina’, tunnellati kbar ta’ tappijiet jinġabru kull sena ħalli jkunu riċiklati, u skond kemm jinġabru tappijiet, tingħata donazzjoni lill-MCCFF. Filfatt, għal din il-kampanja jinġabru biss tappijiet ta’ fliexken tal-plastik, bħalma huma tappijiet tal-ilma, tas-softdrinks u juices u tal-jerry cans, kif ukoll tappijiet oħra tal-plastik li ma jkunx fihom kartuna jew fojl fuq ġewwa.

Aktar minn 55 tunnellata ta’ tappijiet tal-plastik inġabru s-sena l-oħra permezz ta’ din l-inizjattiva. B’riżultat ta’ dan, ingħatat donazzjoni ta’ €21,000 lill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).

Daqstant ieħor importanti hi ż-żieda fl-għarfien tal-ħtieġa urġenti li nirriċiklaw il-plastik li, sena wara sena, qed tkompli titqajjem kuxjenza anke permezz ta’ din l-inizjattiva. Fil-fatt, is-sena l-oħra, ħadu sehem 132 skola, 19-il Kunsill Lokali, u 42 kumpanija, każini, ristoranti, barijiet u għaqdiet.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak, l-Inġinier Mario Schembri, qal: “Bis-saħħa ta’ din il-kampanja qegħdin nilħqu żewġ għanijiet tajbin u tassew bżonnjużi: li ngħinu lil min hu fil-bżonn, u li nirriċiklaw dawn it-tappijiet tal-plastik sabiex nevitaw li dawn jintremew barra, u b’hekk nkunu qegħdin nibżgħu għall-ambjent ta’ madwarna.”

Fid-diskors tiegħu, il-President George Vella fakkar kif it-tniġġis tal-arja, iż-żieda fit-temperaturi madwar id-dinja, kif ukoll il-kwistjoni tas-single-use plastics huma għolja fost il-preokkupazzjoni tal-bniedem.  Semma’ wkoll il-kontaminazzjoni tal-oċeani bil-microplastics, u kif dawn qed isibu ruħhom fis-sistemi tal-ħut.

Il-President fakkar kif din l-inizjattiva għandha għan doppju. L-ewwel konsiderazzjoni hi ambjentali, hekk kif irid jiġi eliminat is-single-use plastic. L-edukazzjoni fost it-tfal, kompla l-President Vella, hija importanti ħafna biex tqajjem kuxjenza ambjentali. It-tieni għan hu l-“aspett ta’ għajnuna soċjali”, hekk kif il-Malta Community Chest Fund Foundation trid tkun f’pużizzjoni li tassisti lil dawk li jirrikorru għal għajnuna.

Il-President kompla billi rringrazzja d-dedikazzjoni tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima u tal-kumpanija Greenpak, u ħeġġeġ lill-poplu biex jikkontribwixxi għal din l-inizjattiva għal kawża ġusta.

Kull min jixtieq jieħu sehem f’din l-inizjattiva jista’ jirreġistra fuq mccf.store, filwaqt li fuq is-sit elettroniku greenpak.com.mt/collection-points-istrina hemm tagħrif dwar il-positijiet fejn jistgħu jittieħdu t-tappijiet.

Kull istituzzjoni, kumpanija jew għaqda li tixtieq tissieħeb fl-edizzjoni ta’ din is-sena, tista’ tikkuntattja lill-GreenPak billi żżur il-websajt ta’ GreenPak www.greenpak.com.mt jew iċċempel fuq: 2166 0233.