Il-President u s-Sinjura Vella illum nedew il-11-il edizzjoni ta’ Rockestra, li se ssir fit-28 ta’ Settembru fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Id-direttur artistiku ta’ Rockestra Paul Borg Bonaci u d-direttur mużikali ta’ Rockestra Mro Sigmund Mifsud taw id-dettalji ta’ Rockestra 2019, li se tirritorna bil-kbir bi spettaklu għall-familja kollha, bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Meta ndirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Palazz ta’ San Anton iktar kmieni llum, huma qalu li fl-edizzjoni li jmiss se jieħdu sehem numru ta’ artisti stabbiliti fix-xena mużikali rock bħalma huma Kenneth Calleja, Errol Sammut u Ivan Filletti, kif ukoll bosta kantanti li qatt ma ħadu sehem f’Rockestra li jinkludu lil Amber u Ben Purplle.
Din is-sena fost l-artisti mistennija jkun hawn ukoll talent barrani, b’kantant barrani li ħa sehem bi musicals fil-West End bħal Jesus Chris Superstar u We Will Rock You, kif ukoll kantant barrani ieħor li sar famuż permezz tal-programm popolari The Voice u l-videos tiegħu fuq YouTube marru viral.
Preżenti wkoll għat-tnedija ta’ Rockestra kien hemm il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Therese Comodini Cachia li qalet li Rockestra huwa avveniment li jesponi t-talent artistiku lokali u fl-istess waqt jikkontribwixxi għall-kawża ġusta.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tattira udjenzi ta’ etajiet differenti, bil-għan li permezz tal-mużika jittella’ spettaklu ta’ kalibru għoli li jservi wkoll ta’ pjattaforma għat-talent mużikali lokali.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li dan l-avveniment jikkumplimenta s-sensiela ta’ attivitajiet oħra li qed jittellgħu matul is-sena, filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex jappoġġja lil Rockestra għax indirettament qed tingħata għajnuna wkoll lill-MCCFF.
Il-President George Vella qal kif wieħed mill-iskopijiet ewlenin huwa li dan l-avveniment jgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-mużika, iżda fl-istess waqt min jattendi jun qed jagħmel id-dover tiegħu li jgħin lil min huwa fil-bżonn għax il-fondi jmorru għall-MCCFF.
Il-President Vella rringrazzja lill-voluntiera nvoluti biex dan l-avveniment jittella’ kull sena b’tant suċċess, u rringrazzja b’mod speċjali lil Paul Borg Bonaci u Sigmund Mifsud għall-ħidma sfieqa tagħhom b’rabta ma’ Rockestra.
Il-biljetti għal Rockestra 2019 bdew jinbiegħu mil-lum. Tista’ tikseb il-biljetti bi prezz ridott għall-ewwel 10 ijiem mit-tnedija, bil-biljetti standing se jkunu jiswew €12, il-biljetti seated €18, filwaqt li l-biljetti VIP se jibqgħu ta’ €50. Iktar dettalji jistgħu jinkisbu fuq mccf.store.